ITTRA LILL-ĠENITURI TAT-TFAL LI QEGĦDIN FIR-RABA’ SENA
X’inhu l-PSD?
PSD huwa Personal and Social Development. Suġġett li jiġi mgħallem fl-iskejjel primarji mir-raba’ sas-sitt sena. Bil-Malti nistgħu nfissruh bħala l-Iżvilupp Personali u Soċjali.
Matul il-lezzjoni…
It-tfal ipoġġu bilqiegħda f’ċirku ħalli jkunu jistgħu jaraw lil xulxin u jieħdu sehem fil-lezzjoni b’mod attiv. Huma jkunu ħielsa biżżejjed biex jaqsmu dak kollu li jħossu b’mod informali.
L-Għanijiet tal-PSD
F’dawn il-lezzjonijiet it-tfal jingħataw iċ-ċans li jikbru b’mod personali u ma’ dawk ta’ madwarhom. Ikollhom il-ħila li jieħdu l-aħħar deċiżjoni fis-sitwazzjoni li jkunu. Barra minn hekk jitgħallmu jagħtu kas tal-konsegwenzi pożittivi jew negattivi li dawn id-deċiżjonijiet iħallu kemm fuqhom infushom kif ukoll fuq dawk ta’ madwarhom. B’hekk f’lezzjoni li tieħu madwar 45 minuta darba fil-ġimgħa, it-tfal jitħarrġu f’ħiliet li jgħinuhom jieħdu sehem b’mod effettiv fid-dinja li qed tinbidel kuljum. Ikunu ppreparati biex jiffaċċjaw sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom kuljum lil hinn mill-bini ta’ l-iskola. Dan is-suġġett joffri l-għodod meħtieġa biex kull tifel u tifla j/tiżviluppa f’persuna sħiħa. Permezz ta’ diskussjonijet u attivitajiet waqt il-lezzjoni tal-PSD, it-tfal jieħdu tagħlim li jista’ jolqothom b’mod dirett jew jassoċċjawhom ma’ xi esperjenza li tkun seħħet f’ħajjithom jew li tista’ sseħħ fil-futur. Eżempju ta’ dan huwa s-suġġett tal-bullying. Inħarsu mil-lenti kemm tal-bully u kemm tal-vittma.
Dawn li ġejjin huma xi suġġetti li jiġu diskussi waqt il-lezzjonijiet tal-PSD. Suġġetti bħal stima personali, komunikazzjoni, relazzjonijiet, emozzjonijiet, fiduċja, kif tieħu deċiżjoni tajba, l-ambjent u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem.
Napprezzaw li tikkoperaw magħna billi tieħdu nteress u titkellmu mat-tfal fuq dak li jkunu qed jitgħallmu fil-lezzjonijiet. F’kas ta’ diffikulta’ t-tfal jistgħu jkellmuna fl-iskola nhar ta’ Ġimgħa.
Grazzi u tislijiet,
Josette Attard
Doreen Aquilina
Leave a Reply